Lokali

Sitt persuni feruti f’ġlieda kbira f’Paceville

Żagħżugħ ta’ 18-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt u ħames persuni oħra jinsabu feruti b’ġrieħi gravi wara ġlieda kbira f’San Ġilajn li seħħet aktar kmieni matul il-lejl li għadda.

Kien għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu li l-Pulizija ta’ San Ġiljan kienet infurmata li fi Triq San Ġorġ f’Paceville kien hemm argument bejn xi persuni. Il-Pulizija qalet li marret mill-ewwel fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ jidher li sitt persuni, kollha rġiel, sfaw midruba permezz ta’ sikkina minn raġel ieħor li kien diġa’ ħarab minn fuq il-post.

Wara tfittxija li għamlet il-Pulizija tad-Distrett, l-agressur li huwa Libjan u għandu madwar 20 sena, instab u ġie arrestat.

Is-sitt vittmi – tlett Olandiżi, li tnejn minnhom għandhom 19-il sena u ieħor ta’ 18 –il sena, żewġ Libjani ta’ 31 u 38 sena u Malti residenti Ħal Kirkop li għandu 29 sena, ittieħdu l-Isptar Mater Dei sabiex jiġu kkurati għall-ġrieħi li ġarrbu.

Il-ġuvni ta’ 18-il sena ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-persuni l-oħra kollha qegħdin isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr A Bugeja LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.