TENNIS – US OPEN: In-numru 1 fid-dinja Novak Djokovic għeleb lil Roger Federer f’erba’ sets drammatiċi biex rebaħ it-tieni US Open u l-għaxar titlu Grand Slam fil-karriera tiegħu.
Is-Serb rebaħ 6-4, 5-7, 6-4, 6-4 fi New York u se jkun qed itemm is-sena bi tlieta mill-erba’ titli maġġuri fit-tennis.
Djokovic li għandu 28 sena żamm kalm quddiem folla kbira fi Flushing Meadows li l-maġġor parti tagħha kienet favur Federer.
L-Iżvizzeru ta’ 34 sena kien qed jittama li jirbaħ it-18-il titlu maġġuri u l-ewwel wieħed wara tliet snin.
F’serata mħawda wara li l-bidu tal-logħba ġie mtawwal b’aktar minn tliet sigħat minħabba x-xita, Federer deher li kellu ċans tajjeb fit-tielet set.
Madankollu Djokovic ibbrejkja s-service ta’ Federer sitt darbiet u salva 19 minn 23 break point hekk kif issielet biex kiseb is-27 rebħa fi 28 Grand Slam din is-sena.
Federer, ħames darbiet champion kien qed jilgħab l-ewwel Open sa mill-2009. Huwa daħal għal din il-final b’moral għoli fejn darbtejn biss kien waqqa’ s-service fit-turnament u kien ilu ma jitlef set sa minn Wimbledon.
Imma Djokovic kellu ħsibijiet oħra u wara li rebaħ l-ewwel set f’41 minuta, bena vantaġġ psikoloġiku u wara li dawwar il-logħba fit-tielet set, żamm kontroll fir-raba’ set għat-titlu.
Interessanti l-fatt li għall-ewwel darba l-final tal-irġiel tal-US Open kellha bħala Chair Umpire lill-Griega Eva Asderaki.
//= $special ?>

