Lokali

Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON jiddedika parti kbira tal-ewwel faċċata għal ritratt tal-pellegrinaġġ tradizzjonali tar-roti u muturi li jintemm f’Ħaż-Żabbar li matul tmiem il-ġimgħa iċċelebra l-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Fl-ewwel faċċata insibu rapport dwar riċeviment li se jorganizza l-PM Joseph Muscat fil-Barrakka ta’ Fuq fl-okkażjoni tal-kisba tal-Indipendenza fl-20 ta’ Settembru, fl-istess ħin fejn ftit passi bogħod, il-PN se jorganizza l-mass meeting tal-Indipendenza. Normalment ir-riċeviment uffiċjali tal-Indipendenza jinżamm fil-jum propju, jiġifieri fil-21 ta’ Settembru. IN-NAZZJON jirrapporta wkoll l-intervista mal-Kap tal-PN Simon Busuttil fuq Radio 101 li matulha qal li jaqbel mal-proposta tal-GRTU li l-kontijiet tad-dawl għandhom jorħsu bi 30% biex jirriflettu t-tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

TIMES OF MALTA jirrapporta d-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Tas-Sliema fejn qal li l-abbuż tal-ħaddiema immigranti għandu jieqaf. Jakkumpanja dan ir-rapport hemm ritratt ta’ vġili bix-xemgħat, li wkoll saret f’Tas-Sliema, favur ir-refuġjati. Storja oħra fl-ewwel faċċata tal-ġurnal hi dwar il-possibilta’ ta’ liġi ġdida dwar is-servizzi fiduċjarji li skont is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera issa huma antikwati.

THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt tal-Papa Franġisku jilqa’ lir-residenti tad-Dar tal-Providenza fil-Vatikan fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tad-Dar fis-Siġġiewi. Il-ġurnal jirrapporta dwar l-istraġi li seħħet f’Paceville żewġt iljieli ilu b’Libjan jidrob 25 persuna, wieħed minnhom b’mod kritiku, meta xejjer sikkina bl-addoċċ. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar każi ta’ theddid fuq gwardjani tal-ħabs minn ħabsin fejn qed jingħad li dawn mhux qed jiġu nvestigati.

L-ORIZZONT jiddedika l-parti l-kbira tal-ewwel faċċata tiegħu għal rapport dwar il-kommossjoni f’Paceville akkumpanjata b’ritratt ta’ raġel Malti li kien fost il-persuni li ġarrbu ġrieħi. Il-ġurnal jirrapporta wkoll id-diskors tal-PM Joseph Muscat f’Tas-Sliema fejn qal li l-Gvern se jirregolarizza l-impjiegi tal-ħaddiema immigranti.