Lokali Saħħa

Il-PN jsejjaħ għal trasparenza assoluta fis-settur tas-saħħa mentali

Fid-dawl ta’ dak żvelat fuq The Malta Independent on Sunday, jiġifieri l-istorja tal-allegat abbuż fuq tifel bi problemi serji ta’ mġieba fl-Isptar Monte Karmeli, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jappella għal investigazzjoni serja u bir-reqqa dwar dan il-każ u anke każijiet oħra.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-pazjenti li jirrikorru għal kura mentali għandhom bżonn il-protezzjoni, u l-familji tagħhom għandhom bżonn l-assigurazzjoni li kollox miexi kif suppost. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien waqqaf l-Uffiċċju tal-Kumissarju għas-Saħħa Mentali, u ħadem fuq il-qafas tal-liġi tas-saħħa mentali. Din il-liġi tistipola b’mod ċar liema huma l-parametri mediċi u etiċi li fihom jiġu trattati l-pazjenti.

Fid-dawl tal-allegat każ irrappurtat fil-media, l-Partit Nazzjonalista qal li jinsab imħasseb li fix-xhur li għaddew seta’ kien hemm każijiet simili li nżammu fil-moħbi u li l-poplu Malti u Għawdxi ma jafx bihom. F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti għal trasparenza sħiħa b’mod speċjali fid-dawl tar-rapport annwali li jsir mill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali.

Fil-fatt, fost l-affarijiet li tistabbilixxi l-Liġi tas-Saħħa Mentali, f’Artiklu 6 (n) jingħad li l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali għandu “jippreżenta lill-Ministru rapport annwali tal-attivitajiet tiegħu, li għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati mill-Ministru, u għandu jiġi diskuss fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali fi żmien xahrejn minn meta jasallu.”

F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jistaqsi jekk l-aħħar rapport annwali sarx mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali. Jekk sar, kemm ilu li wasal f’idejn il-Ministru tas-Saħħa? Jekk għaddew ix-xahrejn stipulati mil-liġi, għalfejn il-Ministru għadu ma poġġiex l-imsemmi dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?

Għal darb’oħra, in-nuqqas ta’ trasparenza tal-Gvern fis-settur tas-saħħa qed ikompli joħloq aktar tħassib u inċertezza f’dan is-settur tant sensittiv u vulnerabbli, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.