Internazzjonali Sport

Jista’ jkun hemm aktar akkużi kontra individwi

KORRUZZJONITAL-FIFA: Il-prosekutur ġenerali tal-Istati Uniti Loretta Lynch qalet li jista jkun hemm aktar akkużi “kontra individwi u entitajiet” hekk kif l-investigazzjonijiet fil-każi ta’ korruzzjoni tal-FIFA komplew jespandu.

F’Mejju 14-il uffiċjal tal-FIFA u uffiċjali eżekuttivi tal-marketing fl-isport, bdew jiġu nvestigati fl-Istati Uniti b’akkużi ta’ korruzzjoni ta’ aktar minn $150 miljuni.

Skont Lynch s’issa nġabru numru “sostanzjali ta’ provi”. Proprjetajietet fl-Alpi kienu sekwestrati f’investigazzjoni separata fl-Iżvizzera.

L-awtoritajiet Amerikani qed jaħdmu mill-qrib mal-Iżvizzeri u għamlu konferenza flimkien fi Zurich fejn taw l-aħħar żviluppi dwar l-investigazzjonijiet tagħhom.

“L-investigazzjonijiet tagħna mhumiex limitati u qed insegwu l-provi biex naraw fejn se jwassluna,” qalet Lynch li ma kkummentatx jekk il-President tal-FIFA Sepp Blatter, li kien ħabbar li se jirriżenja wara li reġa’ ġie elett, hux fil-mira tal-investigazzjoni.

L-awtoritajiet Żvizzeri qed janalizzaw il-kandidaturi tat-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u l-2022 li se jsiru fir-Russja u l-Qatar rispettivament.

Il-prosektur Żvizzeru Michael Lauber qal li s’issa kienu konfiskati 11-il terabytes ta’ informazzjoni waqt li 121 kont bankarju nġiebu għall-attenzjoni tat-task force li qed tinvestiga l-każi. Minkejja dan qal li għadhom lanqas waslu sa nofs l-investigazzjoni.