Lokali

L-aħħar tħejjijiet għall-Festi tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista

Bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Festi organizzati mill-Partit Nazzjonalista biex jitfakkar il-51 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

It-tema għall-Festi ta’ din is-sena, li se jsiru fid-Daħla tal-Belt viċin il-Parlament il-ġdid u s-sit tat-Teatru Rjal, hi marbuta mal-135 anniversarju mit-twelid tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema “Għal Malta”.

L-attivitajiet jiftħu l-Erbgħa bil-mixja u l-ġirja tal-Indipendenza, u jkomplu l-Belt mill-Ħamis sal-Ħadd li ġejjin.

Kuljum se jkun hemm diskussjonijiet fuq temi differenti ta’ interess politiku, filwaqt li ma jonqosx l-ispettaklu, il-mużika u d-divertiment, fost oħrajn bil-Finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, li se ssir il-Ħamis.

Il-qofol tal-attivitajiet jintlaħaq il-Ħadd li ġej bil-Mass Meeting fi Triq ir-Repubblika, indirizzat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Imbagħad aktar tard, mat-tokki ta’ nofsillejl, tittella’ l-Bandiera Maltija … bħalma kien ġara bħal dak il-ħin eżatt 51 sena ilu.