Mill-inqas 12-il persuna, fil-maġġoranza tagħhom turisti mill-Messiku u ċ-Ċilì nqatlu bi żball mill-militar Eġizzjan.
Dan seħħ wara li dawn kienu qed jivvjaġġaw f’zona pprojbita fejn kienet għaddejja ħidma kontra l-militanti tal-ISIS fiz-zona tal-fruntiera Libjana.
Fl-attakk indarbu wkoll għaxar Messikani u Eġizzjani.
Hemm rapporti konfliġġenti dwar x’ġara eżattament. Skont il-Gvern Eġizzjan, it-turisti kienu fiz-zona mingħajr permess. Rapporti oħra qed isostnu li fil-fatt dawn kellhom permess u saħansitra kellhom skorta mill-pulizija meta kienu attakkati mill-ajru waqt li kienu miġburin jieklu.
Iz-zona fejn seħħ il-qtil, fid-Deżert tal-Punent, tinsab tul il-fruntiera mal-Libja li spiss tintuża mill-militanti kif ukoll għall-kuntrabandu, imma fil-passat kienet popolari mat-turisti.
Skont il-Ministeru tal-Intern Eġizzjan, il-vetturi kienu attakki minn ħelikopter tat-tip Apache.
Il-Ħadd, l-istess ġurnata li fiha seħħ l-attakk, tal-ISIS qalu li kienu rreżistew attakk militari fid-deżert u grupp b’rabtiet mal-ISIS qal li kien attiv fl-inħawi fejn seħħ l-attakk.
L-EĠITTU: Massakrati turisti Messikani bi żball
