Internazzjonali

L-UE se tuża l-forza kontra t-traffikanti tan-nies

L-Unjoni Ewropea qablet li tibda tintuża l-forza militari kontra dawk li qed jittraffikaw in-nies fil-Mediterran.
Waqt laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea, sar qbil biex ikun hemm impenn biex 120,000 immigrant jitqassmu madwar l-UE imma titħalla wkoll ċerta flessibbiltà lill-pajjiżi membri.
Il-pajjiżi membri wkoll taw l-approvazzjoni biex jingħata bidu għat-tieni fażi tal-missjoni navali tal-UE fil-Mediterran magħrufa bħala EuNavFor Med li tipprevedi l-użu tal-forza kontra dawk li qed jorganizzaw il-vjaġġi tal-immigranti fil-Mediterran, u din mistennija tidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ Ottubru.
B’hekk issa l-militar tal-UE, fost ħidmiet oħra, se jkun jista’ jissekwestra l-laneċ li jintużaw.
F’dan il-pjan hemm ukoll it-tielet fażi li titlob azzjoni militari kontra t-traffikanti fl-ibħra Libjani bl-iskop li l-laneċ jinqerdu qabel ma jsir xi vjaġġ.
Imma biex jittieħed dan il-pass, irid ikun hemm ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u preferibbilment qbil mill-Gvern Libjan.