L-Uffiċċju Meteoroloġiku Ingliż qed ibassar li s-sentejn li ġejjin se jkunu karatterizzati minn sħana rekord madwar id-dinja. Imma fl-Ewropa, aktarx li s-sjuf se jkunu pjuttost moderati.
Ix-xjenzjati qalu li fl-2015 diġà kellna temperaturi f’xifer li jiksru r-rekord hekk kif it-temperatura dinjija hi ta’ 0.68 grad Celsius fuq il-medja tal-perjodu bejn l-1961 u l-1990.
Ir-raġuni ewlenija hi t-tniġġis tal-klima kif ukoll il-fenomenu naturali magħruf bħala ‘El Nino’ li jseħħ kull ħames snin fuq l-Oċean Paċifiku iżda li jeffettwa lid-dinja kollha.
Il-Professur Stephen Belcher, mill-Uffiċċju Meteoroloġiku, qal li filwaqt li hu magħruf li ġrajjiet naturali jeffettwaw it-temperatura dinjija, is-sħana ta’ din is-sena tindika l-impatt ta’ gassijiet magħmulin mill-bniedem.
Il-Professur Rowan Sutton, mill-Università ta’ Reading, ikkonferma r-riċerka tal-Uffiċċju Meteoroloġiku u żied li jekk ma jkunx hawn xi eruzzjoni kbira ta’ vulkan, is-sentejn li ġejjin se jkunu fost l-aktar sħan li qatt esperjenzajna.
Il-fenomenu ‘El Nino’ jwassal biex ikun hemm ix-xita fejn din ma tantx tagħmel, u l-kontra fi bnadi oħra. Il-fenomenu jwassal ukoll biex it-temperaturi madwar id-dinja jogħlew.
Lejn sentejn ta’ sħana rekord
