Sport

Mourinho jargumenta ma’ Martinez

Il-manager ta’ Chelsea Jose Mourinho kellem ħażin lill-manager ta’ Everton Roberto Martinez wara li tħalla jistenna għall-konferenza ta’ wara l-partita li Chelsea tilfu 3-1 f’Goodison Park.

Mourinho li deher irrabjat, iddeċieda li jinterrompi lil Martinez meta kien qed ikellem grupp ta’ ġurnalisti ħdejn il-pitch.

Bħala manager tat-tim away, Mourinho kien qed jippretendi li jkun hu li jindirizza lill-media l-ewwel ħalli t-tim ikun jista’ jibda l-vjaġġ lura lejn il-punent ta’ Londra.

“Roberto, darb’oħra għidli biex immur qablek għax irridu nivvjaġġaw,” qal Mourinho.

“M’għandna l-ebda kontoll fuq dan Jose. Mhux jien niddeċiedi,” irrisponda Martinez li wara qal li meta Chelsea rebħulhom 6-3 l-istaġun li għadda, Mourinho kien veru ġentili.

Għal din it-tweġiba, Mourinho rrisponda b’kelma baxxa.