Lokali

Paceville qed isir bejta ta’ kriminali barranin u l-Pulizija m’għandhomx riżorsi biex jaħdmu

L-attakk brutali ta’ żagħżugħ Libjan, li b’arma li taqta’ fera serjament sitt żgħażagħ, hu eżempju ċar ta’ problema li ilha tikber u li sfortunatament qed tiġi injorata.

Dan għaliex, minn riċerka li għamel Radio 101, jirriżulta li Paceville qed isir bejta ta’ kriminali barranin minfejn saħansitra jmexxu d-droga u illegalitajiet oħrajn, b’sidien tal-istabbilimenti jgħidu li dan il-lokal sar l-art ta’ gwerra ta’ territorju bejn il-kriminali.

Persuni li tkellmu magħna, kif ukoll sidien ta’ stabbilimenti fl-inħawi, spjegaw li kulħadd jaf fejn jinġabru dawn il-barranin. Agħar minn hekk, dawn qed ikunu kollha armati, b’xi drabi jkun hemm ukoll argumenti jaħarqu bi skieken, imwies u fliexken imkissra.

Sidien ta’ stabbilimenti li tkellmu magħna spjegaw ukoll kif f’xi drabi, l-argumenti jinqalgħu fuq kwistjoni ta’ territorji għax il-kriminali jkunu għamlu l-post tagħhom. Iżda l-aktar li qed iħasseb lil dawk kollha li jiffrekwentaw Paceville, u anke lil dawk li nvestew flushom fiż-żona tad-divertiment, hu li minkejja li jkun hemm tant nies jixorbu u jiddevertu, il-preżenza tal-Pulizija hi minima u xi kultant anke ineżistenti.

Sfortunatament, fl-aħħar xhur, l-Għassa ta’ San Ġiljan saret ukoll il-post fejn Pulizija ta’ kulur politiku li ma jaqbilx mal-Gvern Laburista jintbagħtu b’kastig minħabba li l-persuni li jmorru f’din l-Għassa biex jagħmlu rapport ikunu bil-kju u l-Uffiċjali jispiċċaw ma jistgħux ilaħħqu mal-volum ta’ xogħol.

Dan minbarra li, fl-aħħar xhur, is-serq fiż-żoni ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, San Ġwann u l-Gżira żdied b’mod allarmanti.

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ sigurtà il-PN

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li diversi każijiet ta’ kriminalità fl-aħħar jiem u ġimgħat qed iħallu biża’ fost il-poplu Malti u Għawdxi.

Dwar l-attakk vjolenti tal-bieraħ kmieni filgħodu f’Paceville, u minħabba li f’dak il-ħin ma kienx hemm biżżejjed Pulizija biex ilaħħqu ma’ Paceville, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif minkejja l-isforzi tal-Pulizija, jidher ċar li l-Gvern mhux qed jagħti biżżejjed riżorsi biex il-Korp ikun jista’ jaqdi dmiru kif meħtieġ.

Filwaqt li jifraħ lill-Pulizija li jwettqu dmirhom b’mod tajjeb, fosthom lil dawk li solvew sensiela ta’ serqiet f’Tas-Sliema, il-Partit Nazzjonalista tenna l-appell tiegħu lill-Gvern biex immedjatament u mingħajr aktar dewmien u skużi, jieħu l-passi neċessarji biex jiżdied l-ammont ta’ Pulizija bil-mezzi kollha li għandhom bżonn fl-Għases u on patrol.