Lokali

Residenti tad-Dar tal-Providenza f’laqgħa mal-Papa Franġisku għall-50 anniversarju mit-twelid tad-Dar

Grupp ta’ 27 mir-residenti tad-Dar tal-Providenza waslu lura Malta wara laqgħa li kellhom mal-Papa Franġisku. Matul din iż-żjara, ir-residenti tad-Dar tal-Providenza ħadu l-okkażjoni wkoll jistiednu lill-Kap tal-Knisja Kattolika għal żjara f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, il-Papa kellem, ħa b’idejn u ċċajta mar-residenti, filwaqt li għannaq lil Frankie Bonello, wieħed mir-residenti li kien għadu kif ippreżentalu kallotra bajda f’isem ir-residenti kollha tad-Dar.

Fil-Vatikan, huma kienu akkumpanjati mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna, mill-Arċisqof Emeritus Mons Pawlu Cremona, mid-Direttur tad-Dar Fr Martin Micalef u membi mill-amministrazzjoni, kif ukoll mill-Carers.

Aktar kmieni, l-Arċisqof Scicluna qaddes fil-Kripta ta’ San Pietru, quddiem il-Qabar tal-ewwel Papa u taħt l-Artal ewlieni tal-Bażilika.

Din iż-żjara f’Ruma saret bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed tagħmel id-Dar tal-Providenza biex jitfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha minn Dun Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965.