Lokali

Tippersisti l-firda bejn il-Laburisti f’Ħad-Dingli

Diżappunt u rabja f’Ħad-Dingli, hekk kif Jum Ħad-Dingli, iċċelebrat il-Ħadd li għadda, kien l-aktar każ riċenti li ħareġ fil-beraħ il-firda li teżisti bejn il-Laburisti stess fil-lokalità.

Filfatt, matul is-serata, fejn jingħataw ukoll rikonoxximenti lil dawk li b’xi mod jew ieħor ikunu ħadmu f’Ħad-Dingli, ingħata rikonoxximent lill-eks Segretarja tal-Kunsill Lokali, li kienet tagħmel xogħolha bi ħlas, iżda mhux lill-eks Sindku Venera Micallef, kuntrarju għal dak li sar fis-snin riċenti.

Id-differenza kbira li teżisti bejn l-eks Sindku u s-Sindku attwali Sandro Azzopardi ilha fatt magħruf sa minn meta dan tal-aħħar kien Kunsillier taħt it-tmexxija tagħha.

Filfatt, il-ħidma ta’ dan il-Kunsill Lokali spiss kienet imtappna b’argumenti bejn iż-żewġ partijiet sakemm finalment Micallef spiċċat astjeniet milli terġa’ titfa’ l-kandidatura tagħha u Sandro Azzopardi, wieħed mill-ewwel persuni li daħal jaħdem mal-eks Sindku Ian Borg fis-Segretarjat Parlamentari tiegħu, ħa t-tmexxija.

Anke l-eks Segretarja ħalliet din il-pożizzjoni biex marret taħdem fis-Segretarjat ta’ Ian Borg. Warajha daħlet taħdem Segretarja oħra, li llum ħalliet din il-pożizzjoni, iżda li ġiet eliminata mil-lista ta’ rikonoxximenti ta’ Jum Ħad-Dingli għax kienet intgħażlet mill-eks Sindku Venera Micallef.

Ritratt: is-Sindku Sandro Azzopardi u l-eks-Sindku Venera Micallef.