Jagħmel mossi oxxeni lill-membri tal-media barra l-Qorti, jinżamm taħt arrest
Ehab Zorgani, Libjan ta’ 22 sena tressaq il-Qorti akużat li weġġa’ serjament sitt żgħażagħ, fosthom Malti, b’daqqiet ta’ flick-knife f’Paceville. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-4am tal-bieraħ.
Mal-wasla tiegħu, il-Libjan għamel mossi oxxeni fid-direzzjoni tal-fotografi u l-cameramen preżenti barra l-Qorti. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Zorgani wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh. Il-Qorti ddeċidiet li żżommu arrestat.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Saviour Baldacchino, filwaqt li l-Avukat Victor Bugeja qed jidher bħala għajnuna legali għal-Libjan.
Il-feruti huma tliet Olandiżi, żewġ Libjani u Malti ta’ 29 sena minn Ħal Kirkop. Wieħed mill-Olandiżi, li għandu 19-il sena, kien għal xi ħin fil-periklu li jitlef ħajtu u kellha ssirlu operazzjoni wara li l-Libjan laqtu fil-pulmun. Fortunatament, il-kundizzjoni ta’ saħħtu issa qalbet għall-aħjar.
Min-naħa l-oħra, il-Malti sofra feriti f’wiċċu wara li wkoll qala’ xi daqqiet mingħand Zorgani għax inzerta għaddej ma’ ħabiba tiegħu miż-żona fejn seħħ il-każ. Ħabiba tiegħu li kienet miegħu, u li tkellmet esklussivament ma’ MaltaRightNow.com, iddeskriviet ix-xena bħala waħda qisha ta’ xi massakru.
Għalkemm għadu mhux ċar x’wassal għal dan l-aġir mil-Libjan, rapporti qed jgħidu li kollox beda minn argument bejn numru ta’ Libjani. Jidher li l-argument tant eskala li Zorgani ħareġ l-arma u beda jxejjeriha f’wiċċ kulmin isib quddiemu.
Wara rapport li sar lill-Pulizija, membri mir-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija għaż-żagħżugħ, li kien arresat fi ftit ħin f’Paceville stess.
Rapporti fil-media lokali llum ikkwotaw sorsi mill-Isptar Mater Dei, li kkonfermaw li kienu sitta l-persuni li weġġgħu kawża tal-aggressjoni ta’ Zorgani. Huma ċaħdu li kien hemm xi persuni oħra li ddaħħlu għall-kura, kif ukoll li ssejħu aktar infermiera biex jgħinu lill-feruti.
Ritratt: The Malta Indepenedent
//= $special ?>