Lokali

Aġġornata: Żieda fl-ammont ta’ familji u anzjani f’riskju ta’ faqar. Żieda wkoll fl-għoli tal-ħajja

Familji bi tliet itfal, ġenituri weħidhom u anzjani qed jesperjenzaw tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Dan hu konfermat minn statistika uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li stabilixxa li dawn il-kategoriji tas-soċjetà kellhom tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja tagħhom fl-2014. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jpoġġi lill-persuni li jaqilgħu inqas minn €7,672 fis-sena f’riskju ta’ faqar.

Minkejja li kien hemm kategoriji oħra tas-soċjetà li rreġistraw titjib, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li b’mod ġenerali r-riskju ġenerali ta’ persuni b’riskju ta’ faqar żdied għal 15.9% tal-familji u jolqot 65,987.

Jirriżulta li kien hemm iktar minn 7,600 persuna li jammontaw għal 46.3% tal-ġenituri li jgħixu weħidhom u mhux f’koppja, li huma f’riskju ta’ faqar. Sena qabel kien hemm inqas koppji li jgħixu weħidhom f’riskju ta’ faqar tant li dan kien jammonta għal 41.9%.

Anki l-familji bi tliet itfal jew iktar qed jesperjenzaw tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja fejn jirriżulta li 44.4% ta’ dawn il-familji, li jmmontaw għal 7,200 persuna, kienu jgħixu f’riskju ta’ faqar qabel fl-2014. Din hi wkoll żieda fuq is-sena ta’ qabel, meta kienu biss 36.6% ta’ dawn il-familji li kienu kkunsidrati f’riskju ta’ faqar.

Riżultati negattivi oħra kienu reġistrati fost l-anzjani fejn aktar minn 9,200 anzjan ta’ iktar minn 65 sena kienu f’riskju ta’ faqar. Dan in-numru jammonta għal 21.3% ta’ din il-kategorija. Anki f’din il-kategorija kien hemm żieda; 2.3% iktar mill-2013.

Żieda fl-għoli tal-ħajja – l-NSO

Sadanittant, waħda mir-raġunijiet li twassal għaż-żieda fil-faqar u t-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja hi l-għoli tal-ħajja. F’dan il-każ, minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja, skont l-Indiċi għal Awwissu li għadda, kienet ta’ 1.4%.

Dan ifisser żieda fl-għoli tal-ħajja meta pparagunata mas-sena ta’ qabel. Dakinhar, ir-rata tal-għoli tal-ħajja kienet 0.8%. Ir-rapport tal-NSO wera wkoll li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja kienet riżultat ta’ prezzijiet ogħla fil-prodotti tal-ħaxix, tal-ivvjaġġar u l-ħwejjeġ.