Chad Patus, Anton Axiaq u Abraham Portelli huma t-tliet akkwisti ġodda li għamel il-Floriana Basketball Club Café del Mar għall-istaġun il-ġdid.
Dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Café del Mar f’Buġibba fejn il-President Ian Mercieca qal li għat-tieni sena konsekuttiva ntlaħaq ftehim ta’ sponsorship li se jerġa’ jgħin lill-klabb b’mod sostanzjali ħalli jkollu l-aħjar tim possibli.
Café del Mar jifforma parti mill-kumpless tal-Akwarju Nazzjonali u hu l-post ideali fejn wieħed jirrilassa.
Il-President ta’ Floriana qal li Chad Patus diġà għandu esperjenza ta’ żewġ staġuni f’Malta u għalhekk jaf tajjeb il-logħba Maltija. Il-plejer Kanadiż ta’ 28 sena lagħab f’Malta ma’ Athleta u rebaħ l-unuri kollha li joffri l-Basketball Malti, inkluż l-unur tal-Plejer tax-xahar għal diversi drabi. L-istaġun li għadda huwa kellu wkoll medja ta’ 23 punt kull logħba.
Plejer ieħor li se jkun għad-dispożizzjoni tal-kowċ Mario Tabone hu Anton Axiaq, meqjus minn ħafna bħala wieħed mill-aħjar talenti tal-ġenerazzjoni tiegħu. Il-klabb jinsab konvint li Axiaq, li jifforma wkoll parti mit-tim nazzjonali, mhux biss se jsaħħaħ l-iskwadra dan l-istaġun imma se jkun protagonista fil-futur.
L-istaġun li għadda Axiaq li għandu 24 sena u jilgħab fis-centre, kien mat-tim ta’ Virtus.
L-akkwist l-ieħor hu d-difensur Abraham Portelli li lagħab ma’ diversi klabbs u rebaħ diversi unuri ma’ timijiet differenti. Dan għandu jkun ta’ għajnuna kbira għaż-żgħażagħ tal-klabb.
L-istaġun li għadda, l-eks internazzjonali Malti lagħab ma’ Luxol u se jkun qed jerġa’ jingħaqad mal-kowċ Mario Tabone wara li t-tnejn ħadmu flimkien meta kienu ma’ Depiro.
Fl-aħħarnett il-President Mercieca rringrazzja lil Charles Zammit Moore għall-ħidma tiegħu fi ħdan il-klabb u lil Saviour Ellul ta’ Café del Mar li min-naħa tiegħu awgura kull suċċess lil Floriana għal dan l-istaġun li jibda fid-19 ta’ Settembru.
//= $special ?>