Ambjent Lokali

BirdLife Malta tirrapporta “l-ewwel vittmi tal-kaċċa llegali”

L-organizzazzjoni BirdLife Malta rrappurtat li rċeviet l-ewwel rapport ta’ għasfur li ntlaqat illegalment mill-Kaċċa fil-Ħarifa. Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li lbieraħ irċeviet rapport minn persuna li kienet għaddejja mis-Siġġiewi u li nnutat kuċċarda feruta.

Fl-istqarrija, l-organizzazzjoni qalet li x-ray meħud għand Veterinarju wera disa’ ċombiet f’ġisem l-għasfur, kif ukoll il-ġewnaħ tax-xellug miksur. Il-kuċċarda ngħaddiet lill-Pulizija tal-ALE għar-rijabilitazzjoni.

Sadanittant, f’inċident separat, ‘birdwatchers’ irrappurtaw lil BirdLife Malta li lbieraħ filgħaxija osservaw żewġ kuċċardiet oħra jinqatlu fl-inħawi Tal-Virtù fir-Rabat. Hawn, issejħu fil-post il-Pulizija biex jinvestigaw il-każ.

BirdLife Malta fakkret li l-kuċċarda hi tajra protetta, imniżżla taħt Anness 1 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li tfisser li għandha l-ogħla livell ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, din mhijiex kaċċabbli fl-ebda pajjiż fl-Ewropa.

Filwaqt li kompliet tispjega li l-kuċċarda hi fost l-aktar vittma ta’ kaċċa llegali komuni f’dawn iż-żminijiet tas-sena, minħabba li eluf minnha jpassu mill-Ewropa għall-Afrika għax-Xitwa, l-organizzazzjoni appellat lill-pubbliku biex jirrapporta kwalunkwe tip ta’ kaċċa llegali lill-Pulizija fuq in-numru 119. Wieħed jista’ wkoll iċempel lil BirdLife Malta fuq 21347644.