Bulgaru ta’ 61 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari fi stiva ta’ vapur. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11am fil-Port Ħieles.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li l-Bulgaru, li jaħdem bħala electrician fuq il-vapur, aktarx kien qed jagħmel xi xogħolijiet fuq xi makkinarju. Għal xi raġuni, dak il-ħin, hu waqa’ għal isfel minn għoli ta’ madwar żewġ sulari.
Ir-raġel ittella’ bl-għajnuna ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ngħata l-ewwel għajnuna medika fil-post minn tim mediku. Mal-wasla l-Isptar Mater Dei, hu kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu li jitlef ħajtu.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Birżebbuġa qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>