Internazzjonali

Emerġenza mal-fruntiera tal-Ungerija

L-Ungerija ddikjarat stat ta’ emerġenza f’żewġ distretti tan-Nofsinhar, waqt li daħlu fis-seħħ il-liġijiet ibsin il-ġodda intiżi biex iwaqqfu lill-immigranti milli jidħlu illegalment fl-artijiet tal-Ungerija.

L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija arrestaw mill-inqas 60 persuna li huma akkużati li ppruvaw jiżgiċċaw mill-fence li l-awtoritajiet Ungeriżi tellgħu fil-fruntiera mas-Serbja. Intant, l-istat ta’ emerġenza jagħti poteri addizzjonali lill-pulizija filwaqt li jippermetti l-istazzjonar tat-truppi f’każ li dan ikun approvat mill-Parlament f’Budapest.

Il-liġijiet il-ġodda li ma jippermettux aktar dħul ta’ immigranti illegali fl-Ungerija daħlu fis-seħħ fis-sigħat bikrin tal-bieraħ. Dan meta l-Unjoni Ewropea għadha tiffaċċja influss enormi ta’ immigranti li qed jaħarbu mill-gwerer u l-faqar f’pajjiżi bħas-Sirja.

Il-Ġermanja u l-Awstrija, intant, appellaw biex il-ġimgħa d-dieħla ssir laqgħa speċjali għall-Mexxejja tal-UE, bl-iskop li jiddiskutu l-kriżi. Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li din hi problema li tissolva biss b’impenn kollettiv u li r-responsabbiltà hi tal-UE sħiħa.

Dan ukoll meta l-aġenzija għall-ħarsien tal-fruntieri tal-UE qalet li ’l fuq minn 500,000 immigrant waslu mal-fruntieri tal-Ewropa din is-sena.

L-UE qablet biex tibda r-rilokazzjoni ta’ 40,000 immigrant mill-Greċja u l-Italja lejn stati membri oħra tal-Unjoni. Madankollu, l-UE għad trid taqbel dwar il-kwoti obbligatorji għal 120,000 immigrant addizzjonali li qed ifittxu kenn politiku.

Sadanittant, il-Pulizija fl-Ungerija għalqet l-aċċess f’zona fejn jgħaddu l-ferroviji li kienu qed jużaw eluf ta’ immigranti biex jivvjaġġaw lejn l-Ewropa ta’ Fuq. Kaġun ta’ dan, ħafna immigranti qed jorqdu barra f’art tas-Serbja man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Ix-xarabanks tal-pulizija għandhom iwasslu lill-immigranti li qed ifittxu kenn politiku lejn iċ-ċentri għal reġistrazzjoni, iżda jekk l-applikazzjonijiet ikunu rifjutati, l-immigranti jittieħdu lura lejn is-Serbja minflok jitħallew jaqsmu għall-Ungerija jew xi pajjiż ieħor.

L-awtoritajiet fl-Ungerija qalu li ’l fuq minn 9,000 immigrant – rekord ġdid – laħqu qasmu lejn arthom qabel ingħalqet il-fruntiera nhar it-Tnejn. Intant, xi 20,000 immigrant irnexxielhom jinfiltraw iz-zoni tal-Awstrija.

Fil-preżent, kull min jaqsam il-fruntiera tal-Ungerija illegalment se jiffaċċja akkużi kriminali, u l-awtoritajiet Ungeriżi qed jistazzjonaw pulizija tal-kavallerija fl-inħawi.

Kelliema għall-Gvern Ungeriż sostnew li għadhom miftuħin il-mezzi uffiċjali u legali għall-barranin biex jidħlu fl-Ungerija u l-UE, filwaqt li f’din is-sitwazzjoni qed jintalab li l-immigranti kollha jikkoperaw mal-liġi Ewropea u internazzjonali.