Lokali

Il-Gvern qed jaqdi lil tal-qalba u mhux jagħti biżżejjed lill-familji – PN

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li qed iwettaq il-Gvern qed teffettwa lill-familji Maltin u Għawdxin għax il-Gvern qed jagħti flus lil tal-qalba, iżda ma jagħtix biżżejjed lill-familji.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Tal-Pietà, indirizzata mix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem dwar il-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista nieda wkoll fuljett dwar il-korruzzjoni li qed titwettaq taħt dan il-Gvern … liema fuljett se jintbagħat fid-djar.

Paula Mifsud Bonnici fakkret li l-aħħar sentejn u nofs kienu perjodu li fihom il-Gvern għamel sinjuruni minn flus il-poplu lil erbgħa tal-qalba, fosthom lil Gaffarena, lis-sidien tal-Cafe’ Premier u lil Daniel Zammit, iben l-eks Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema qalu li l-Gvern Laburista qed jagħmel diskriminazzjoni, tant li l-politika tiegħu qed twassal għal żieda fil-kategoriji ta’ persuni f’riskju ta’ faqar. Il-miżuri li għamel dan il-Gvern fl-aħħar sentejn u nofs ħallew effetti negattivi.

Madankollu, quddiem din il-problema soċjali qed jibqa’ jagħżel li jħaxxen bwiet in-nies madwaru, minflok jindirizza l-problemi soċjali u jsolvihom.