Lokali Qorti

Il-GWU ikkundannata tħallas €22,000 f’kumpens lil Karmenu Vella

Il-GWU kienet ikkundannata tħallas kumpens ta’ €22,000 lill-eks Segretarju tat-Taqsima Servizzi u Media Karmenu Vella, li kien irriżenja mill-Union fl-2006 wara nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni ċentrali.

Karmenu Vella sostna li skont Memorandum of Understanding ta’ Settembru 1998, li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xoghol għall-Uffiċjali tal-GWU, is-Segretarji li jitterminaw l-impjieg mill-GWU ikunu intitolati għal €5,100 jew l-ekwivalenti ta’ tliet xhur paga. Barra minhekk, Vella talab ukoll €16,500 bħala ekwivalenti għal-leave li ma ħax.

Min-naħa tagħha, il-GWU talbet lill-Qorti biex ma tismax il-każ għax dan kellu jitressaq quddiem it-Tribunal Industrijali. Madankollu, il-Qorti tal-Appell iddikjarat li t-Tribunal Industrijali kellu biss ġurisdizzjoni esklussiva f’ċerti każi ta’ allegata tkeċċija inġusta, filwaqt li ordnat li l-każ ikompli jinstema’.