Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv illejla, il-Partit Nazzjonalista approva grupp ieħor ta’ Kandidati għall-elezzjoni ġenerali. Il-grupp li ġie approvat illejla hu magħmul minn 16-il kandidat, bi 13 minnhom huma ġodda u se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba.
Il-Kandidati approvati llejla huma dawn: Amanda Abela, Frans Agius, Ivan Bartolo, Lawrence Bonavia, Roderick Bugeja, Elaine Camilleri, John Baptist Camilleri, Raymond Caruana, Noel Galea, Alex Mangion, George Muscat, Matthew Paris, Maria Portelli, Dorian Sciberras, Liam Sciberras u David Thake.
F’kummenti dwar dan l-iżvilupp, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li hu ċar li s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista għal politika onesta qed tattira nies ġodda biex jagħtu sehem fil-ħajja pubblika u joffru s-servizz tagħhom. Dan hu pass ieħor fit-tiġdid tal-Partit, sostna Simon Busuttil.
Dan hu t-tielet grupp ta’ Kandidati li l-Partit Nazzjonalista approva għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. B’hekk, it-total ta’ Kandidati approvati s’issa hu ta’ 48, bil-proċess ma jieqafx hawn iżda jkompli fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
//= $special ?>