Internazzjonali

Imutu mgħarrqin barra t-Turkija

Mill-inqas 22 immigrant għerqu filwaqt li salvaw mal-200 oħra meta d-dgħajsa tagħhom għerqet fil-Baħar Eġew ’il barra mit-Turkija.

It-traġedja seħħet meta l-immigranti kienu qed jippruvaw jaslu fil-gżira Griega ta’ Kos u l-gwardjani tal-kosta Torok ħarġu stqarrija li total ta’ 211-il immigrant salvaw mill-għarqa, filwaqt li l-bugħaddasa rkupraw il-katavru ta’ 22 persuna oħra li kienu abbord id-dgħajsa.

Id-dgħajsa għerqet xi 2.5 kilometri ’l bogħod mill-belt ta’ Bodrum, fejn ġimagħtejn ilu nstab il-katavru ta’ Aylan Kurdi – iċ-ċkejken refuġjat Sirjan li r-ritratti tiegħu xxukkjaw lin-nies madwar id-dinja.

Intant, filmati tat-televiżjoni wrew bastiment tal-gwardjani tal-kosta Torok ippakkjat bin-nies, fosthom l-immigranti li fl-aħħar sigħat salvaw barra t-Turkija.

Ir-rapporti qalu li l-grupp tal-immigranti inkwistjoni kien qed jivvjaġġa lejn Kos permezz ta’ dgħajsa twila 20 metru. Ir-Turkija, bħalissa, qed tilqa’ ’l fuq minn żewġ miljun refuġjat li fil-parti l-kbira tagħhom ġejjin mill-konflitt tas-Sirja.