Internazzjonali

Reġgħu attivaw is-sit nukleari fil-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq qalet li l-kumpless ta’ Yongbyon, li jservi bħala l-faċilità nukleari ewlenija f’dan il-pajjiż, jinsab għaddej mill-ġdid bl-operat normali.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Korea Komunista KCNA qalet li l-pajjiż qed itejjeb il-kwalità u l-kwantità tal-armi nukleari tiegħu.

Ir-reattur f’Yongbyon kien ingħalaq fl-2007 iżda r-reġim fi Pyongyang ħalef li jerġa’ jattivah mill-ġdid fl-2013. Dan wara li l-Korea ta’ Fuq kienet wettqet it-tielet prova nukleari, fost tensjoni kbira fir-reġjun.

Ir-reattur inkwistjoni ilu meqjus bħala s-sors ta’ plutonju għall-programm tal-armamenti nukleari tal-Korea ta’ Fuq. L-esperti jemmnu li, f’każ li l-kumpless ta’ Yongbyon ġie tassew attività mill-ġdid, il-Korea ta’ Fuq tkun tista’ tipproduċi biżżejjed plutonju għal bomba waħda nukleari fis-sena.

Fil-fatt, l-aħbar dwar l-iżviluppi konnessi ma’ Yongbyon kienet l-ewwel konferma uffiċjali tal-Korea ta’ Fuq li bdiet mill-ġdid l-operat fis-sit inkwistjoni.