Il-Kap tal-partit Syriza, tax-Xellug, Alexis Tsipras, warrab il-possibbiltà li jifforma koalizzjoni mar-rivali kbir tiegħu, f’każ li jirbaħ l-elezzjoni tal-Ħadd fil-Greċja.
Meta tkellem waqt dibattitu ma’ Vangelis Meimarakis, il-Kap tad-Demokrazija Ġdida taċ-Ċentru-Lemin, Tsipras fisser gvern għall-għaqda ta’ dan tip bħala xi ħaġa li mhix naturali.
Intant, l-istħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxi li la Tsipras u lanqas Meimarakis mhuma se jiksbu maġġoranza fil-Parlament wara l-elezzjoni li jmiss. L-elezzjoni kienet issejħet minn Tsipras ladarba x-xahar li għadda rnexxielu jaċċerta bailout ġdid għall-Greċja, li hu ekwivalenti għal multibiljuni ta’ ewro.
Waqt id-dibattitu, Meimarakis kien qal li l-Griegi jridu jaraw l-istabbiltà li, skont hu, isseħħ biss b’koalizzjoni ewlenija. Iżda Tsipras wieġeb li l-partit tiegħu u l-Partit għal Demokrazija Ġdida għandhom differenzi fundamentali bejniethom u għaldaqstant, mhux possibbli li l-Greċja jkollha Gvern għall-għaqda.
//= $special ?>