Malcolm Turnbull ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ġdid tal-Awstralja. Dan wara li twarrab l-eks-Prim Ministru Tony Abbott li tilef l-isfida għat-tmexxija tal-Partit Liberali fil-Gvern.
Turnbull, li taħt Abbott kien il-Ministru responsabbli mill-komunikazzjonijiet, hu r-raba’ Prim Ministru Awstraljan mill-2013. Intant, hu attenda l-ewwel sessjoni ta’ Question Time (fil-Parlament) fil-kariga l-ġdida dritt wara l-ġurament tal-ħatra.
Min-naħa tieħu, l-eks-Prim Ministru Abbott ikkummenta għall-ewwel darba wara li tilef l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Liberali u qal li “din kienet ġurnata diffiċli, u li wieħed għandu jaċċetta r-regoli ladarba jiddeċiedi li jilgħab il-logħba”.
Abbott qal li jħossu kburi b’dak li rnexxielu jwettaq il-Gvern Awstraljan, iżda ma qalx jekk hux se jibqa’ deputat inkella jekk għandux ħsieb li jitlaq mill-politika.
It-tneħħija ta’ Abbott seħħet wara li hu u l-partit tiegħu dehru qed jitilfu l-appoġġ skont l-aħħar stħarriġ. Fil-fatt, u wara l-inizjattiva ta’ Turnbull u l-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin Julie Bishop, il-Membri Parlamentari tal-Partit Liberali vvutaw biex ineħħu lil Abbott, li tilef postu lil Turnbull wara vot ta’ 54 kontra 44.
//= $special ?>