Lokali

100,000 Malti u Maltija f’riskju tal-faqar

Ritratt mill-arkivji

Fis-6 ta’ Frar 2013, Joseph Muscat ħabbar il-programm elettorali tiegħu “Malta Tagħna Lkoll”, li fih qal li dak iż-żmien, f’Malta kien hawn 88,000 persuna f’riskju ta’ faqar. Kien qal li jekk il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni, il-faqar “jiġi eradikat darba għal dejjem minn pajjiżna”. Iżda llum, sentejn u nofs wara, mhux talli Muscat ma qeridx il-faqar, talli dan żdied għal 100,000 persuna.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri, li qal li l-fatt li f’sentejn u nofs, in-numru tal-persuni f’riskju ta’ faqar żdied bi 12,000 hu inkwetanti ħafna. Dan meta l-poplu Malti u Għawdxi għandu Gvern li sab il-flus li jagħmel lil dawk viċin tiegħu sinjuruni, fosthom tal-Cafe’ Premier, Gaffarena u oħrajn li ħadu konsulenzi bl-addoċċ.

Il-Partit Nazzjonalista sostna t-tħassib tiegħu meta jara n-numru ta’ pensjonanti f’sitwazzjoni mwiegħra għax mhux talli ma jlaħħqux mal-ħajja, talli jinsabu fir-riskju tal-faqar. Ma’ Muscat, l-anzjani u l-pensjonanti qed ibatu u dan kollu jikkonferma kemm għal dan il-Gvern, l-anzjani u l-pensjonanti mhumiex prijorità, temmet tgħid l-istqarrija.