Ġimgħa wara li Chris Froome ħabbar li mhux se jieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali taċ-ċikliżmu, kien imiss lil Geraint Thomas ta’ Wales li jagħmel l-istess. Thomas qal li mhux qed iħossu f’kundizzjoni tajba biżżejjed biex ikun fost l-isfidanti ewlenin waqt dawn il-kampjonati li se jibdew is-Sibt li ġej u jintemmu fis-27 ta’ Settembru.
“Ma rridx nikkompeti biss għan-numru iżda rrid inkun protagonista u naħseb li bħalissa m’inix f’qagħda li nkun kompetittiv. Din kienet deċiżjoni diffiċli għalija għax dawn il-Kampjonati huma kompetizzjoni prestiġjuża imma nemmen li fl-aħħar mill-aħħar għamilt deċiżjoni tajba,” qal Thomas.
Huwa qal li issa se jistrieħ sa tmiem is-sena biex sena oħra jkun f’kundizzjoni tajba u jipprova jikseb post mal-ewwel ħamsa fit-Tour de France u anke jipprova jirbaħ midalja waqt l-Olimpjadi ta’ Rio li se jsiru fil-Brażil.
Froome, rebbieħ tat-Tour de France din is-sena, kien ħabbar li mhux se jikkompeti minħabba li mhux se jilħaq jirkupra minn ksur f’siequ li kien sofra waqt il-Vuelta. Ġimgħa ilu ċ-ċiklist mir-Renju Unit, Mark Cavendish kiser spalltu imma jidher li se jilħaq jirkupra biex jieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali. Dan minħabba li l-kompetizzjoni li se jieħdu sehem fiha, se ssir proprju fl-aħħar jum ta’ dawn il-kampjonati.
//= $special ?>

