Xjenza u Teknoloġija

Facebook dalwaqt se jkollu l-buttuna “dislike”

Jekk kemm ‘il darba rajt xi kumment fuq Facebook li għalih xtaqt turi d-diżapprovazzjoni tiegħek, jew inkella sempliċiment xtaqt turi empatija, u ma kontx taf kif se tagħmel dan, issa l-problema ser tissolva.

Dan peress li l-ġgant tal-midja soċjali Facebook se jkun qed jintroduċi l-buttuna ‘dislike’ għall-kontenut li jittella’ online.

Dan tħabbar mill-fundatur ta’ Facebook stess Mark Zuckenberg nhar it-Tlieta li għadda waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba fil-bini ta’ Facebook f’Kalifornja.

Zuckenberg qal li l-buttuna ‘dislike’ hi waħda mill-affarijiet li l-membri ta’ Facebook ilhom snin twal jitolbu, saħansitra mill-2009 meta kienet introdotta l-buttuna tal-‘like’. Fl-istess indirizz, Zuckenberg żvela li t-tim ta’ Facebook qed jaħdem fuq il-buttuna ‘dislike’ u dalwaqt se tkun ipprovata.

Skont Zuckenberg, il-buttuna ‘dislike’ se tkun utli għal min ikun irid jempatizza ma’ persuna oħra li tkun kitbet xi kumment ta’ dwejjaq, bħal tħabbira ta’ mewt – fejn f’dawn il-każi, il-buttuna ‘like’ ma kinitx il-buttuna ideali biex wieħed jempatizza mal-persuna.