Sport

Ħames bliet kandidati għall-edizzjoni tal-Olimpjadi tal-2024

Los Angeles tinsab fit-tellieqa li torganizza t-tielet Olimpjadi, waqt li Hamburg, Pariġi, Ruma u Budapest se jkunu wkoll fil-ġlieda biex jippruvaw jattiraw l-akbar manifestazzjoni ta’ sport differenti lura fl-Ewropa. Il-ħames bliet kienu uffiċjalment dikjarati bħala l-kandidati għall-Olimpjadi tas-Sajf tal-2024.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li se jkun qed iħabbar il-kandidatura rebbieħa waqt is-sessjoni f’Lima fil-Peru fl-2017, ħabbar il-lista uffiċjali l-Erbgħa filgħodu.

Dan wara li f’nofs il-lejl tat-Tlieta għalaq iż-żmien li fih kien qed jilqa’ n-nomini minn bliet interessati. Baku fl-Ażerbajġan u Toronto fil-Kanada, li kien qed jingħad li qed janalizzaw il-possibilitajiet tagħhom, irtiraw mit-tiġrija.

Din qed jingħad li se tkun l-aktar sfida missielta ta’ kandidaturi għal dawn l-aħħar għaxar snin. Los Angeles fl-Istati Uniti, li hi t-tieni għażla wara li Boston irtirat minħabba biżgħa ta’ spejjeż kbar, qed tittama li torganizza l-Olimpjadi għat-tielet darba wara dawk tal-1932 u l-1984.

Pariġi, li naqset li tirbaħ id-dritt li torganizza l-edizzjoni tal-2012 li saru f’Londra, tinsab ħerqana li f’għeluq il-100 sena torganizza għat-tieni darba l-Olimpjadi. Dan wara li l-unika darba li organizzathom kien fl-1924.

Ruma li organizzat l-edizzjoni tal-1960, għamlet kampanja qasira għall-edizzjoni tal-2020 qabel il-Gvern irtira l-kandidatura minħabba nuqqas ta’ fondi waqt li Budapest qed tipprova tingħaqad mar-Russja bħala l-uniċi pajjiżi mill-Ewroppa tal-Lvant li organizzaw il-logħob.

Hamburg, il-belt fejn f’Novembru se jkun qed isir referendum biex jiġi deċiż jekk effettivament in-nies iridux li jsiru l-Olimpjadi, qed tipproponi Olimpjadi fiċ-ċentru tal-belt fejn l-impjanti sportivi jinsabu ferm viċin xulxin u jintlaħqu bil-mixi mill-atleti. Dan wara li għelbet l-isfida ta’ Berlin bħala l-belt kandidata għall-Ġermanja. Din il-belt fil-port Ġermaniż qatt ma organizzat il-logħob qabel.

B’kuntrast għas-snin preċedenti, din id-darba mhux se ssir evalwazzjoni tal-applikanti biex ikunu eliminati dawk anqas kwotati qabel jittieħed il-vot finali.