Atmosfera mill-isbaħ hekk kif grupp ta’ parteċipanti niedew l-attivitajiet tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista bil-ġirja u l-mixja tradizzjonali.
Il-ġirja Indipendenza bdiet fis-6.30pm ta’ filgħaxija minn ħdejn l-eks stazzjon tal-ferrovija f’Birkirkara, filwaqt li l-fun run telqet ftit aktar kmieni, fis-6 ta’ filgħaxija minn ħdejn il-każin tal-Partit Nazzjonalista fi Fleur-de-Lys.
Fil-ġirja pparteċipa wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li ntlaqa’ minn dawk preżenti.
Iżda qabel il-parteċipanti irħewlha fi triqthom lejn il-Belt Valletta, MaltaRightNow.com ħa numru ta’ kummenti tal-parteċipanti li spjegaw għaliex għażli li jipparteċipaw f’din l-attivita’ – attivita’ li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista beda uffiċjalment l-attivitajiet marbuta mal-Indipendenza ta’ din is-sena.
Fuq fomm kulħadd l-istess messaġġ, li l-ġirja qed issir mhux biss biex il-Partit Nazzjonalista jkun mgħejjun, iżda anke’ biex wieħed jaħtaf l-opportunita’ li jipparteċipa f’attivita’ fiżika u li tippromwovi l-ħajja sana.
Leanne Bartolo, fitness instructor, ħadet ħsieb il-‘warming up’ qabel bdiet il-ġirja u ħejjiet lil dawk preżenti għall-ġirja Indipendenza. F’kummenti ma’ MaltaRightNow.com saħqet dwar l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ attivitajiet biex kemm jista’ jkun tkun normalizzata l-idea tal-isports fost il-pubbliku.
Il-fun-run u l-ġirja Indipendenza jiftħu uffiċjalment il-festi li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista mhux biss fl-okkażjoni tal-51 sena mill-kisba Indipendenza, iżda anke’ l-135 anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>