Studju mill-World Wildlife Fund (WWF) sab li mill-1970 s’issa l-ħlejjaq tal-baħar naqsu bi kważi n-nofs. Dan jgħodd kemm għall-ħut kif ukoll għal ħlejjaq oħra bħall-qroll u għasafar tal-baħar.
L-istudju pubblikat fir-rapport ‘Living Blue Planet Report’ wissa li s-sajd bla rażan, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima kienu l-kawża ewlenija għal dan. Fost l-aktar ħut effettwati kien hemm it-tonn u l-kavalli u t-tort ewlieni ta’ dan kien is-sajd li ma jagħtix ċans lill-ħuta tbid u tikber. Fil-każ ta’ dawn iż-żewġ speċi ta’ ħut, instab li dawn naqsu b’74 fil-mija.
Marco Lambertini, il-kap tal-WWF, qal li l-istħarriġ juri ċar li l-aġir tal-bniedem fil-baħar qed iwassal biex il-ħlejjaq ta’ ġo fih jitpoġġew f’riskju li jgħibu. Hu qal li meta wieħed iqis kollox, inkluż l-impatt ekonomiku u s-sigurtà għall-ikel, dan kien inaċċettabbli.
Il-WWF qalet li din id-darba rduppjat l-ispeċi li fuqhom għamlet ir-riċerka u l-istampa hi aktar ċara imma aktar inkwetanti. L-istudju sab li l-klieb il-baħar u l-bonn u l-fkieren tal-baħar ukoll huma mhedda serjament minħabba s-sajd bla kontroll.
Il-WWF wissiet li jekk l-affarijiet isiru bil-għaqal u jkun hemm kontrolli stretti fuq dak li jinqabad, il-baħar jista’ jibda jieħu l-ħajja. Fost dawn il-miżuri, il-WWF qalet li hemm bżonn aktar għaqal fis-sajd u li ma jkomplix isir sajd li fih jinqabdu ħafna ħlejjaq tal-baħar ta’ xejn.
Ir-rapport sab ukoll li hemm ħafna qroll u alka kruċjali għall-ħut li kienu qed jgħibu b’rata allarmanti u fil-każ tal-qroll, minħabba t-tibdil fil-klima u t-tniġġis, dan jista’ jgħib għalkollox sas-sena 2050.
Il-ħlejjaq tal-baħar qed jgħibu
