Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qed tappella lill-Gvern biex iraħħas iktar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u biex, fil-Baġit għas-sena d-dieħla, ma jdaħħal ebda sorpriżi mingħajr konsultazzjoni.
Fil-preżentazzjoni tal-proposti tagħha għall-Pre-Budget 2016 lill-Ministeru tal-Finanzi u lill-MCESD, il-Kamra sostniet li ċ-ċirkustanzi minn meta saret il-wegħda elettorali tat-traħħis tal-kontijiet tal-enerġija, inbidlu tant li dakinhar il-prezz taż-żejt kien ta’ madwar $100 l-barmil u llum niżel għal $40 l-barmil.
Saħqet li minbarra li ż-żejt hu irħas, l-Enemalta issa tista’ tixtri dawl bl-irħis minn Sqallija permezz tal-interconnector, u tista’ tipproduċi l-enerġija b’iktar effiċjenza peress li beda jitħaddem l-impjant tal-BWSC. Għalhekk, sostniet il-Kamra, jekk il-kontijiet għan-negozji ma jitraħħsux, dawn se jpoġġuhom fi żvantaġġ mal-industrija Ewropea li diġà qed tgawdi minn prezzijiet irħas.
Il-Kamra appellat ukoll lill-Gvern biex din id-darba ma jintroduċi ebda “miżuri-xokk” bħal kif għamel is-sena li għaddiet bl-introduzzjoni tad-dazju fuq l-inbid u t-tyres. Sostniet li miżuri introdotti b’dan il-mod, mingħajr konsultazzjoni, itellfu lin-negozji u jwaqqfu r-ritmu ta’ diversi setturi.
Il-Kamra għalhekk sostniet li tippretendi li għall-Baġit tal-2016, isir pjan ta’ implimentazzjoni kif meħtieġ u li jiġi mfassal il-qafas leġiżlattiv li hemm bżonn għal kull miżura li jkun se jdaħħal il-Gvern.
Fl-istess ħin, il-Kamra appellat lill-Gvern biex titwaqqaf strateġija marbuta mal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp li twassal għal kompetittività fit-tul u tkabbir għan-negozji. Saħqet li t-twaqqif ta’ infrastruttura sostenibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni għandu jgħin lill-industrija Maltija biex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.
Fuq kollox, il-Kamra nsistiet li l-proposti tagħha jimxu ma’ żewġ prinċipji: li l-finanzi tal-Gvern jibqgħu jiġu kkonsolidati, u li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż jibda’ jiġi sostnut permezz tal-kompetittività.
//= $special ?>