Il-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Partit Nazzjonalista approva 16-il kandidat ieħor għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-Kulleġġ jinnota li fost il-kandidati approvati teżisti taħlita tajba ta’ individwi li ħafna minnhom, qed jibdew il-mixja tagħhom fil-politika, waqt li hemm oħrajn li din il-mixja bdewha diġa’ u qed jagħżlu li jerġgħu joffru l-kontribut tagħhom. Dan ifisser li l-grupp tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista mhux biss qed ikompli jikber fin-numru, wara li ġew approvati żewġ gruppi oħra ta’ kandidati fil-jiem li għaddew, iżda qed ikompli jiżżewwaq b’entużjażmu u ideat ġodda fuq naħa, u esperjenza u maturita’ fuq in-naħa l-oħra.
Il-Kulleġġ Kandidati Partit Nazzjonalista jifraħ lill-50 kandidat li ġew approvati sa issa, u jawguralhom fil-ħidma tagħhom kemm għal Partit Nazzjonalista, kif ukoll għal Malta. Fl-aħħarnett, il-Kulleġġ jafferma li se jkun qed jagħti kull attenzjoni u sostenn biex il-grupp tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista jkompli jkun wieħed b’saħħtu u magħqud, kif jixraq lill-Partit Nazzjonalista mmexxi b’onesta’ u serjeta’ mill-Kap Dr. Simon Busuttil.
//= $special ?>