Lokali Sport

Il-kontinġent Malti tal-Ispecial Olympics iżur lill-Kap tal-PN

Il-Kontinġent Malti tal-Ispecial Olympics, flimkien mal-ġenituri tagħhom illum żaru lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali.

Simon Busuttil feraħ lill-atleti Maltin għall-wirja impressjonanti li taw f’Los Angeles li żviluppaw il-ħiliet tagħhom mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq il-livell dinji.

F’isem il-PN Simon Busuttil qal li hu kburi ħafna bl-atleti Maltin u l-PN jappoġġja l-inizzjattivi kollha li jgħinu biex jiżviluppaw it-talenti.

Min-naħa tagħha, Anna Calleja, Direttur Nazzjonali tal-Ispecial Olympics qalet li l-atleti jitħarrġu fl-istess postijiet mal-atleti mainstream u jikkompetu mal-atleti mainstream.

Fil-fatt iċ-Champion Nazzjonali tal-bowling fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena hu atleta tal-Ispecial Olympics.

F’Lulju li għadda, l-atleti Maltin rebħu 24 midalji fil-logħob dinji tal-Ispecial Olympics f’Los Angeles: sebgħa tad-deheb, għaxra tal-fidda u sebgħa tal-bronż.