F’Horgos, fit-Tramuntana tas-Serbja, tul il-fruntiera mal-Ungerija fejn kien hemm inċidenti serji bejn l-immigranti u l-Pulizija Ungeriża. Dan wara li xi immigranti ppruvaw jaqsmu l-fruntiera.
Dan hekk kif l-Ungerija spiċċat il-bini tal-ħajt tul il-fruntiera mas-Serbja u bdiet tarresta lil dawk li jinqabdu jaqsmu, l-eluf ta’ immigranti li qed jivvjaġġaw tul dik li issa tlaqqmet bħala r-rotta tal-Balkani, issa bdew jinġabru tul il-fruntiera tas-Serbja mal-Kroazja.
Il-Gvern Kroat qal li kien lest għal din l-eventwalità u li kien se jħallihom jivvjaġġaw lejn it-Tramuntana tal-Ewropa.
Dan fl-istess ħin li l-Gvern Ungeriż qal li aktarx kien se jibda jibni wkoll ħajt tul il-fruntiera mar-Rumanija minħabba l-possibbiltà li dan il-pajjiż jintuża bħala rotta alternattiva. Il-Pulizija Ungeriża għalqet ukoll il-linji tal-ferrovija f’Roszke, li kienu qed jintużaw bħala daħla ewlenija mill-immigranti, fil-maġġoranza tagħhom Sirjani.
Rigward ir-rotta ġdida lejn il-Kroazja mbagħad, hemm it-tħassib minħabba l-għadd ta’ mini li għad hemm mill-gwerer li kienu kissru lil dik li kienet il-Jugoslavja.
Inċidenti tul il-fruntiera bejn is-Serbja u l-Ungerija
