Lokali

Kaċċatur jitlef il-liċenzja u mmultat €8,000

Kaċċatur Għawdxi tilef il-liċenzja tal-kaċċa b’mod permanenti u kien immultat €8,000 wara li nstab ħati fost oħrajn li qabad u bbalzma tajr protett.

Nathaniel Agius ta’ 22 sena mis-Sannat tressaq quddiem il-Qorti akkużat li kellu fil-pussess tiegħu l-għasafar protetti Ċewċewwa Żgħira u Gallozz tat-Tikek u f’diversi okkażjonijiet ikkaċċja jew ipprova jikkaċċja għasafar protetti.

Fis-sentenza tiegħu, il-Qorti ippreseduti mill-Maġistrat Joe Mifsud, qal li n-natura hija ta’ kulħadd. “Kulħadd għandu d-dritt japprezza s-sbuħija ta’ tajr ħajja ttir madwaru u ħadd m’għandu d-dritt ineħħi dan il-gost. Il-maġġoranza tal-poplu li tpoġġilhom tajra bbalzmata quddiemhom ma jaraw fiha l-ebda apprezzament, gost u sbuħija.”

Il-Maġistrat kompla li l-piena tal-Qorti, għalkemm mhux waħda ta’ priġunerija, se tkun waħda severa sabiex tibgħat messaġġ ċar kemm lill-imputat kif ukoll lill-kaċċaturi u nassaba kollha, li min ħa jazzarda jabbuża mill-konċessjoni li għandu, allura ser ibati l-konsegwenzi.

Il-Qorti sabiet ukoll lil Agius reċidiv wara li kien instab ħati ta’ reat simili iktar kmieni din is-sena. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tax-xhieda tal-akkużat, li tirriżulta li mhux veritjiera, jintbagħtu għand il-Kummissarju tal-Pulizija sabiex tieħu azzjoni skont il-liġi.