Mijiet ta’ migranti qattgħu il-lejl qrib il-fruntiera tas-Serbja mal-Ungerija hekk kif qed ikollhom jibdew ifittxu rotta ġdida lejn in-nofsinhar tal-Ewropa.
Dan hekk kif il-Gvern Ungeriż issa għalaq il-fruntiera mas-Serbja f’tentattiv biex jikkontrolla l-influss ta’ migranti.
Il-midja fis-Serbja qed tirraporta li l-karozzi tal-linja issa qed ikunu ddireġuti lejn il-Kroazja, bil-migranti esposti għall-possibilta’ li imbgħad jibqgħu sejrin lejn l-Islovenja, l-Awstrija u fl-aħħar jaslu l-Ġermanja. Qed jingħad ukoll li r-Rumanija tista’ wkoll tkun rotta alternattiva għall-migranti.
Ilbieraħ daħlu fis-seħħ liġijiet iebsin ġodda mill-Gvern Ungeriż bl-iskop li ma jippermettix aktar dħul ta’ immigranti llegali fil-pajjiż. Taħt dawn ir-regoli, issa l-Pulizija Ungeriża tista’ tarresta lill-immigranti li jipprovaw jaqbżu l-fence li nbena fil-fruntiera tal-Ungerija mas-Serbja.
Malli l-Pulizija fl-Ungerija għalqet l-aċċess f’zona minfejn jgħaddu l-ferroviji li kienu qed jużaw l-eluf tal-immigranti biex ikomplu fi triqthom lejn l-Ewropa ta’ Fuq, ħafna immigranti matul il-lejl li għadda spiċċaw jorqdu barra, fit-territorju tas-Serbja u man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
//= $special ?>