Kuntistabbli tal-Pulizija sofra feriti ħfief f’siequ meta raġel suspettuż li twaqqaf minn membri mir-Rapid Intervention Unit saq fid-direzzjoni tiegħu biex jaħrab.
Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda, ftit wara 12am, fi Triq il-Ġerrejja fil-Marsa meta tliet Kuntistabbli li kienu fuq ronda nnutaw vettura tat-tip Seat Cordoba li qajmitilhom suspett. Madankollu, hekk kif il-membri tal-Korp xegħlu l-beacon lights tal-karozza tagħhom u waqfu quddiem il-vettura l-oħra, ix-xufier, li kien waħdu, mexxa l-karozza b’lura u b’veloċità lejn Triq l-Istalel.
Minħabba li x-xufier tal-karozza tal-Pulizija pprova jagħlaqlu t-triq u ż-żewġ Kuntistabbli l-oħra ħarġu mill-vettura biex javviċinaw lis-suspettat, dan saq fid-direzzjoni tal-Pulizija, bil-konsegwenza li għadda minn fuq il-pala ta’ sieq wieħed minnhom u saq mill-post. Minkejja li midrub, il-Kuntistabbli mar jiġri wara s-suspettat, filwaqt li l-ieħor riekeb fil-karozza tal-Pulizija biex isegwuh.
Is-suspettat, ta’ 38 sena minn Ħal Qormi, saq għal diversi toroq, fejn kien anke nnutat jarmi xi ħaġa mit-tieqa tal-vettura tiegħu. Eventwalment, din irriżultat li kienet borża b’sustanza suspettuża.
F’ċertu ħin, is-suspettat waqaf minn jeddu u ħareġ mill-vettura. Madankollu, xorta waħda ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, tant li saħansitra rreżista l-arrest. Qabel ġie eskortat lejn l-Għassa ta’ Ħal Qormi, fejn baqa’ jhedded lill-Pulizija, saret tfittxija fil-karozza tiegħu u nstabu lieva u sega, li wkoll ġew elevati.
Sadanittant, is-suspettat allega li kien ġie msawwat mill-membri tal-Korp, iżda kien biss fuq l-insistenza tal-Pulizija li aċċetta li jkun skortat fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Madankollu, hu naqas li jgħaddi kopja taċ-ċertifikat lill-Pulizija tad-Distrett.
Aktar investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Għassa ta’ Ħal Qormi u mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
//= $special ?>