Il-Union tal-Għalliema (MUT) talbet laqgħa urġenti mal-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna bil-għan li jkun hemm riforma fil-mod kif jiġu mpjegati għalliema mal-iskejjel tal-Knisja bil-għan li jirriflettu iktar l-onesta’ u t-trasparenza.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li waslulha informazzjoni dwar prattiċi abbużivi f’numru ta’ skejjel tal-knisja fejn jidħlu impjiegi ta’ għalliema.
Fost eżempji li semmiet il-union kien hemm għalliema nisa li qalulhom sfaċċatament waqt l-intervista li l-iskola trid għalliema irġiel. Oħrajn jispiċċaw mingħajr l-impjieg waqt il-probation mingħajr ebda raġuni ħlief li l-post kien merfugħ għal ħaddieħor. Każi oħra jinkludu għalliema li jmorru għall-intervista u ma jirċievu ebda riżultat biex wara jsiru jafu li l-post imtela’ jew ħarġet sejħa oħra.
Għalliema lmentaw ukoll li f’xi każi kienu qed jiġu mpjegati bħala supply teachers meta l-post tbattal b’mod permanenti u għalliema oħrajn jgħidu li kellhom l-impjieg mitmum biex posthom ittieħed minn qassisin jew reliġjużi.
L-MUT qalet li mhux ta’ b’xejn li ċertu skejjel tal-Knisja qed jirreżistu bil-qawwa kollha sistema ċentrali ta’ reklutaġġ ta’ għalliema mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika fi ħdan il-kurja.
L-Arċisqof jaċċetta li jiltaqa’ mal-MUT
Sadanittant, kelliem għall-Kurja ikkonferma li l-Arċisqof aċċetta li jiltaqa’ mal-MUT sabiex iż-żewġ naħat jiddiskutu din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>