Imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu ħarġu deċiżjoni biex jissikkaw ir-regoli għall-benefiċċji soċjali minn ċittadini ta’ pajjiż membru ieħor.
Fid-deċiżjoni, intqal li l-gvernijiet jistgħu jwaqqfu l-benefiċċji soċjali lil ċittadini ta’ pajjiż membru ieħor anki jekk dan ikun għamel xi żmien jaħdem f’dak il-pajjiż.
Intqal li jekk dawn ikunu ħadmu għal anqas minn sena imma jieqfu jaħdmu u jfittxu x-xogħol, il-benefiċċji jistgħu jitwaqqfu wara sitt xhur. Barra minn hekk, l-Imħallfin qalu li dawn jistgħu jiġu deportati jekk jiġi stabbilit li dawn saru piż għas-soċjetà. Iżda ntqal li ma kien hemm bżonn ebda evalwazzjoni speċjali biex jitwaqqfu l-benefiċċji.
Il-każ quddiem il-Qorti kien beda fil-Ġermanja u kien jikkonċerna familja mill-Iżvezja ta’ nisel Bosnijaku.
Id-deċiżjoni hi t-tieni waħda dwar dak li tlaqqam “welfare tourism” – meta ċittadin ta’ pajjiż membru jmur f’ieħor biex igawdi mill-benefiċċji soċjali li jingħataw. Id-deċiżjoni kienet ingħatat fl-2014 u kien deċiż li jistgħu jitwaqqfu l-benefiċċji soċjali ta’ ċittadini minn pajjiż membru ieħor jekk dawn qatt ma ħadmu fil-pajjiż fejn marru jgħixu.
L-UNJONI EWROPEA: Tissikka r-regoli dwar il-benefiċċji soċjali
