Għadd ġmielu ta’ ħaddiema part-time mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta, dalgħodu marru Kastilja u anke l-Ministeru tat-Turiżmu biex jipprotestaw għall-fatt li tħallew fuq kuntratt definit sa Jannar li ġej. Dan meta numru ta’ kollegi tagħhom, part-time ukoll, inqalbu fuq kuntratt part-time indefinit.
Nifhmu li fis-sigħat li għaddew, numru ta’ ħaddiema part-time fl-Air Malta kienu “hand-picked” u mgħarrfa li ġew maqluba għal part-time indefinit. Dawn il-ħaddiema part-time kienu mgħarrfa wara li ntbagħat għalihom mis-superjuri tagħhom. Il-kelma ġriet u kollegi tagħhom, fosthom fit-taqsimiet tar-Rampa, taċ-Check-In u tad-Despatchers, stennew ukoll li jissejħu biex jingħataw l-istess kundizzjonijiet bħall-kollegi tagħhom.
Madankollu dan ma seħħx, bir-riżultat li fost dawn l-impjegati nqala’ ferment sħiħ. Is-sitwazzjoni eskalat dalgħodu meta għadd ta’ ħaddiema, diżappuntati bil-mod kif il-Gvern qed jiddiskrimina kontra tagħhom, l-ewwel marru jipprotestaw f’Kastilja u issa jinsabu fil-Ministeru tat-Turiżmu jinsistu li jitkellmu mal-Ministru Edward Zammit Lewis, li hu finalment responsabbli mill-Air Malta.
B’dan ix-xenarju kritiku, ħaddiema full-time tal-Air Malta fissru t-tħassib tagħhom dwar il-futur tagħhom mal-kumpanija, hekk kif qed ikomplu jinżammu f’għama totali dwar l-istat veru li tinsab fih l-Air Malta. L-impjegati li tkellmu magħna staqsew jekk il-kumpanija kinitx qed tibgħat messaġġ qawwi li tinsab tajjeb finanzjarjament biex tagħmel ħatriet bħal dawn, inkella l-kumpanija hijiex titmexxa b’mismanagment totali fejn l-importanti li titmexxa ċerta aġenda u l-prijoritajiet veri jitħallew fil-ġenb.
//= $special ?>