F’dokument ta’ 12-il paġna, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) ressqet il-proposti tagħha dwar il-Baġit 2016.
Bħall-GRTU u l-Kamra tal-Kummerċ iktar kmieni, anke din l-assoċjazzjoni appellat lill-Gvern biex fil-Baġit li ġej, iraħħas il-kontijiet tal-enerġija u biex il-Gvern jagħmel konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali qabel ma’ jagħmel impatt fuq in-negozji u l-attività ekonomika.
L-MEA sostniet li r-rati kummerċjali tal-enerġija għandhom jirriflettu l-prezz internazzjonali taż-żejt u l-gass waqt li saħqet li l-kumpaniji għandhom igawdu mill-effiċjenza tal-interconnector u mit-traħħis fil-prezz internazzjonali tal-fuel. Fl-istess ħin, qalet li dan ir-roħs għandu jgħaddi, jekk mhux sħiħ, parti minnu, lill-konsumaturi jew lin-negozji.
Dwar it-traffiku, l-MEA qalet li għandu jkun hemm pjan li jibdel b’mod radikali s-sistema tat-trasport pubbliku waqt li ħeġġet lill-Gvern biex b’mod immedjat joħloq inċentivi biex it-trasport għall-iskejjel jintuża b’mod aħjar. Saħqet li l-konġestjoni tat-traffiku, li qalet li qiegħda dejjem tmur għall-agħar, hi ta’ spiża għan-negozji minħabba ħlasijiet ogħla għall-kunsinni, ħaddiema li jaslu tard u ħin moħli mix-xogħol.
L-MEA appellat ukoll biex ikun hemm sforz biex ħaddiema jgħaddu mis-settur pubbliku għal dak privat waqt li ħeġġet lill-Gvern biex inaqqas, mhux iżid, il-ħaddiema minn miegħu. Qalet li nofs il-vacancies fis-settur privat qed jispiċċaw jimtlew mill-barranin waqt li l-Gvern impjega miegħu iktar minn 5,000 persuna f’sentejn. Qalet li dan, minnu nnifsu, qiegħed ukoll itellef lis-settur privat.
//= $special ?>