Manchester United ikkonfermaw li d-difensur Luke Shaw se jibqa’ fl-isptar ta’ Eindhoven biex jibda jirkupra wara li kien operat minħabba li sofra ksur f’siequ minn żewġ bnadi.
Id-difensur Ingliż kellu jiħareġ fuq stretcher wara l-ewwel kwarta fit-telfa 2-1 miċ-Champions League għand PSV Eindhoven wara daħla ta’ Hector Moreno.
Tard filgħaxija kien konfermat li Shaw sofra ksur minn żewġ bnadi u kien operat mal-lejl wara li ttieħed l-isptar.
United fi stqarrija faħħru l-kura mill-aqwa li qed jingħata Shaw fl-Olanda.
“Luke Shaw kien operat it-Tlieta bil-lejl u se jibqa’ l-isptar f’Eindhoven fejn se jkompli l-ewwel kura tiegħu. Manchester United jinsabu grati għall-kura eċċellenti li qed jingħata u jirringrazzjaw lil kulmin bgħat messaġġi ta’ appoġġ,” qalet l-istqarrija.
Moreno talab skuża wara l-logħba u nsista li l-kuntatt li kellu ma’ sieq Shaw kien assolutament wieħed aċċidentali.
Fi tmiem il-partita li United tilfu 2-1, il-manager Louis Van Gaal qal li Shaw kien qed jibki fid-dressing room u jittama li jarah jirritorna dan l-istaġun.
Sadanitant l-eks referee Graham Poll ikkritika lir-referee Taljan Nicola Rizzoli u qal li kellu jkeċċi lil Moreno għal din id-daħla.
“Rizzoli ma setax jevita li Shaw jikser siequ imma kien imissu u kellu, jikkastiga lid-difensur ta’ PSV almenu b’karta safra. Moreno ma wera l-ebda prudenza għal saħħet l-avversarju meta għamel id-daħla. Rizzoli jaf ir-regolamenti u għalkemm id-daħla setgħet dehret kerha mill-filmati, xi ħaġa li r-referee ma jkunx ra, kellu jagħraf liema huma dawk id-daħliet b’saħħa żejda. Hu wieħed mill-aqwa referees tal-UEFA imma dan l-inċident ħarablu. Kellha tkun karta ħamra u penalty.”
//= $special ?>

