Lokali

Aħbar falza u vvintata mill-portal tal-GWU … basta kontra l-Partit Nazzjonalista

Attività ma’ David Casa ġiet posposta u mhux imħassra minħabba dibattitu urġenti fil-Parlament Ewropew

Għal darb’oħra, il-portal tal-GWU ppubblika storja totalment falza meta qal li l-Partit Nazzjonalista ħassar attività li tifforma parti mill-Festi tal-Indipendenza. Dan meta, fil-verità, l-attività ġiet posposta minħabba li l-kelliem fl-attività jinsab Brussell għal impenji urġenti fil-Parlament Ewropew.

Fost l-attivitajiet organizzati mill-Partit Nazzjonalista hemm tliet diskussjonijiet mat-tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista. Waħda minn dawn kellha ssir illum mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.

Madankollu, minħabba impenji urġenti fil-Parlament Ewropew, din l-attività kellha tiġi posposta għal għada filgħodu. Dan kien spjegat mill-Partit Nazzjonalista lbieraħ fuq Facebook (stampa isfel). Barra minhekk, fis-sejħa għall-media bl-attivitajiet tal-lum, kien hemm inkluża biss id-diskussjoni li se tittella’ llejla.

Madankollu, il-portal tal-GWU għażel li jippubblika storja falza li l-attività tħassret “wara li l-Ewroparlamentari David Casa ma tfaċċax” għax “mar Brussell”. Il-portal kompla li l-Partit Nazzjonalista “pprefera jħassar l-attività” u messu sab esponent ieħor. Madankollu, ma saret l-ebda referenza li, kif jindika s-suġġett, dawn id-diskussjonijiet partikolari huma speċifikament “Diskussjoni mal-MEPs”.

Kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal lil MaltaRightNow.com li l-ġurnalist tal-GWU messu għamel kuntatt mal-Partit biex jingħata t-tweġibiet li jkollu bżonn. Madankollu dan ma seħħx u l-portal tal-GWU għażel li jippubblika storja falza u vvintata. Dan juri, sostna l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista li l-media tal-GWU tiekolha jdejha biex tivvinta stejjer bħal dawn, basta jkunu kontra l-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, din l-attività issa se ssir għada l-Ġimgħa fl-10am fi Pjazza de Vallette.

Ahbar Falza iNewsMalta Attivita David Casa 2 170915