Diżappunt fost numru ta’ suldati Għawdxin li ntbagħtu jaħdmu f’Għawdex minħabba shift li qed joħloq diskriminazzjoni bejn is-suldati Għawdxin. Minkejja li s-suldati Għawdxin laqgħu l-aħbar li ntbagħtu jaħdmu Għawdex, sfortunatament iħossu li l-affarijiet setgħu saru ferm aħjar u b’mod aktar ġust.
L-akbar inkwiet jidher li hu dak tax-shift tas-suldati Għawdxin li jkunu għassa mad-dgħajjes tal-Maritime Squadron fl-Imġarr Għawdex. Dan minħabba li x-shift tal-għassa ma jdurx fuq kulħadd skont kif imissu, kif inhi l-prassi f’postijiet tal-Armata stess f’Malta u Għawdex.
Jidher li s-suldati diġà tkellmu ma’ ta’ fuqhom dwar dan ix-shift diskriminatorju, tant li saħansitra ngħataw raġun dwar l-ilmenti tagħhom, iżda s-sitwazzjoni baqgħet l-istess għal din l-aħħar sena.
Sadanittant, jidher ukoll li l-għassa mad-dgħajjes tal-Maritime Squadron fl-Imġarr isir minn kamra tal-injam, fejn anke hemm nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji. F’dan l-ispazju, l-elettriku ma jeżistix ħlief għal extension mal-art.
Jidher li hemm ukoll nuqqas ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, tant li s-suldati jridu jużaw il-mobile personali tagħhom kull meta jkollhom bżonn.
Problema oħra hi n-nuqqas ta’ fencing madwar il-post minn fejn issir l-għassa. Dan iwassal għal periklu kbir, partikolarment jekk persuna tkun għassa waħedha, minħabba li l-bażi hi aċċessibbli għall-persuni li jgħaddu minn hemm lejl u nhar.
Dawn is-sitwazzjonijiet kollha jwasslu għal nuqqas ta’ kwalità fix-xogħol tas-suldati, li huma wkoll imħassba dwar id-diskriminazzjoni li qed isseħħ bejniethom.
//= $special ?>