Lokali

Eks Kandidat Laburista tappella għal “sparar biex joqtlu” lir-refuġjati

L-eks Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Sharon Ellul Bonici użat is-sit soċjali Facebook biex tikkummenta b’mod razzist u aggressiv fil-konfront tar-refuġjati, fejn sostniet li x-Shengen għandu jkun sospiż, bil-militar għandu jitpoġġa fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea biex jisparaw u joqtlu. Skont Ellul Bonici, din hi l-unika soluzzjoni temporanja.

Il-kummenti agressivi tal-eks Kandidat Laburista fuq Facebook ġabu reazzjoni qawwija u negattiva.

Ikkuntattjata minn The Malta Independent, Sharon Ellul Bonici ppruvat tirtira l-kummenti tagħha u qalet li kienet qed tirreferi għall-possibbiltà ta’ terroristi li qed jużaw il-kriżi tal-immigrazzjoni bħaż-Żiemel ta’ Trojja. Qalet li ma riditx tikkummenta dwar ir-refuġjati li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet perikolużi ta’ pajjiżhom.

Dwar id-dikjarazzjoni tagħha “sparaw biex toqtlu”, Ellul Bonici kkonfermat billi qalet li għandu jsir kif isir fl-Awstralja u l-Amerka fejn, skont l-eks Kandidat Laburista, min jipprova jidħol f’dawn il-pajjiżi jisparaw fuqu biex joqtluh.

Mistqosija jekk bil-kummenti tagħha hux qed tinstiga delitt, Saron Ellul Bonici qalet li din tkun biss miżura temporanja u m’hemmx bżonn li ssir il-ħin kollu. Madankollu, jirriżulta li mhux minnu li fl-Amerika u fl-Awstralja jisparaw fuq l-immigranti jew refuġajti li jippruvaw jidħlu fil-pajjiż illegalment.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal tal-Fondazzjoni Aditus Neil Falzon qal li kien diżgustat bil-kummenti tal-eks Kandidat Laburista, filwaqt li appella lill-awtoritajiet biex jikkundannaw il-kummenti tagħha.