Lokali

Filmat: Il-Partit Nazzjonalista jibbaża l-politika tiegħu fuq l-onesta’

Simon Busuttil ta merħba lil dawk kollha li nġabru biex jieħdu sehem fil-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza. Hu rringrazzja wkoll lill-kelliema li ħadu sehem għall-kontribut li taw.

Simon Busuttil qal li hu stramb li llum qed nitkellmu fuq l-onesta’. Wieġeb malajr jirrealizza kemm hi importanti l-onesta meta jitlifha u minflok onesta’ jara d-diżonesta. Illum nitkellmu fuq l-onesta għaliex il-Gvern qed juri diżonesta. Din bdiet minn qabel l-elezzjoni meta wiegħed kollox lil kulħadd biex jipprova jixtri l-voti. Forsi n-nies ma rawhiex u ġew ingannati. It-tort mhux ta’ min ġie ngannat iżda ta’ min ingannahom.

Il-Kap Nazzjonalista qal li d-diżonesta kompliet anke wara l-elezzjoni. Dak li l-Partit Laburista biegħ b’ħafna frilli, kien kollu diżonest. Malta tagħna lkoll saret Malta tagħhom biss. Illum naraw korruzzjoni li nsejħula istitzzjonalizzata għaliex qed issir bil-barka tal-Gvern. Dan kollu sar fi żmien sentejn biss. Wieħed jista’ jimmaġina x’isir jekk il-PL jirbaħ elezzjoni oħra.

Simon Busuttil qal li mhux veru li l-Gvern qed jerfa’ r-responsabbilta politika għaliex kieku ma kienx iħalli lis-Segretarju Parlamenatri Michael Falzon fil-kariga li għandu, meta hu nvolut fl-iskandlu ta’ Gaffarena.

Mhux veru li dan hu Gvern trasparenti meta jibqa’ jagħmel ftehim bil-moħbi u jżommu mistur. Jiftiehem ma xi ħadd biex jagħtih biċċa miż-Żonqor u jibqa’ jaħbi l-ftehim. L-istess għamel għall-garanzija tal-power station li jrid jibni. Il-Gvern biegħ il-power station li kellna tal-BWSC u qed jixtri l-enerġija mingħandha iżda mhux jgħid xi prezz qed iħallas.

Simon Busuttil qal li jekk ikun Prim Ministru hu jippubblika kull ftehim pubbliku li jsir.

Il-PL gideb ukoll meta qalu li wieħed jista’ jaħdem mal-Gvern Laburista anke jekk ma jaqbilx miegħu. Dwar dan kulħadd jista’ jarah f’dak li l-Gvern qed jagħmel mal-professur Albert Fenech. Ingannaw ukoll fil-wegħda tal-meritokrazija bil-Gvern jdawwar kull dipartiment u entita’ oħra tal-Gvern f’każin laburista.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed politika onesta u nadifa għaliex jemmen li din hi politika s-sewwa u s-sewwa jirbaħ żgur.