Għada se tkun l-aħħar darba li l-Kardjologu Albert Fenech se jopera fl-Isptar Mater Dei. Iżda din id-deċiżjoni ma ħadiex hu nnifsu wara ħafna snin ta’ servizz, iżda ċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija Robert Xuereb.
Il-Professur Fenech kien infurmat b’din id-deċiżjoni x-xahar li għadda, meta qalulu li hemm ħafna Konsulenti fid-Dipartiment. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn jingħata spazju lil Kardjologi żgħażagħ.
Albert Fenech, li hu Deputat Nazzjonalista u 20 sena ilu kien wieħed mill-fundaturi tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija, kien ikkwotat jgħid li qatt m’għaddietlu minn moħħu li s-sitwazzjoni setgħet tispiċċa b’dan il-mod. Qal li offra l-possibbiltà li jopera mqar darba fil-ġimgħa, iżda lanqas din l-offerta ma ntlaqat mit-tmexxija tad-Dipartiment.
Fenech qal li kif sar jaf bid-deċiżjoni, tkellem immedjatament mal-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei u anke mad-Direttur Mediku. Dawn bidlu d-deċiżjoni meħuda minn Robert Xuereb u taw lill-Professur Fenech xahar ċans biex ikun jista’ jopera lil dawk li kienu ilhom taħt il-kura tiegħu għal snin.
Is-sena li għaddiet, Albert Fenech kien ippreżenta protest ġudizzjarju kontra s-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei wara li sfurzawh jaħdem part-time, b’mhux aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa.
//= $special ?>