Għawdex Lokali

Imħassra vjaġġi tal-Gozo Channel, konfużjoni u skumdità fit-Terminal tal-Imġarr

Minħabba ħsara li seħħet fil-vapur MV Malita, il-Gozo Channel ħassret il-vjaġġi li kellhom isiru fis-6.30am miċ-Ċikrewwa u fis-7am mill-Imġarr.

Il-kumpanija qalet li kienet ħadet il-miżuri kollha neċessarji biex topera t-tielet vapur, tant li l-karrozzi kollha li kienu l-Imġarr ittellgħu abbord l-MV Ta’ Pinu u l-MV Gaudos. Il-Gozo Channel qalet li l-vjaġġi kellhom jerġgħu jirritornaw għan-normal.

Jirriżulta li anke lbieraħ kien hemm sitwazzjoni simli ta’ konfużjoni minħabba li fl-Imġarr kien hemm biss kaxxier wieħed biex jagħti s-servizz lin-nies. Quddiem din is-sitwazzjoni, kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn diversi uffiċjali tal-Gozo Channel.

Din is-sitwazzjoni ħolqot konfużjoni sħiħa fit-Terminal, fejn il-passiġġieri kellhom jistennew għal ħinijiet twal. Tant kien hemm konfużjoni li diversi passiġġieri ppruvaw jirbku l-vapur anke meta dan tella’ r-rampa li minnha jitilgħu l-karozzi.

Barra minhekk, fit-Terminal tal-Imġarr hemm ukoll il-problema tal-arja kundizzjonata, tant li l-mijiet ta’ persuni li jkunu qed jistennew biex jitilgħu abbord il-vapur li jkun imiss jispiċċaw fi sħana qawwija.

Jirriżulta wkoll li tħallew xi passiġġieri fit-tunnel li jagħti għall-vapuri.